Malta Employers Tressaq Talba Formali għall-Posponiment tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi

Il-Malta Employers Association ressqet talba uffiċjali lill-Gvern biex jipposponi t-traspożizzjoni fil-liġi Maltija tad-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi li hija stipulata għas-7 ta’ Ġunju.

Fost ir-raġunijiiet tal-posponiment, l-Assoċjazzjoni semmiet il-fatt, li sitt ġimgħat qabel il-limitu ta’ żmien skedat, għad m’hemmx abbozz ta’ test tal-liġi Maltija. Din is-sitwazzjoni qed timmina b’mod serju t-tħejjijiet tal-employers Maltin biex jikkonformaw ma’ din il-liġi.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Ivan Refalo qal li “Permezz ta’ kuntatt regolari mal-membri permezz ta’ stħarriġ, webinars u korsijiet, ninsabu dejjem iktar imħassba li bosta employers qed jesperjenzaw frustrament u inċertezza dwar ċertu elementi tad-Direttiva u dwar kif se ssir it-traspożizzjoni tagħha fil-liġi Maltija.”

It-talba li qed titressaq mill-Malta Employers issegwi żvilupp simili fi Stat Membru ieħor tal-UE fejn kien irrimarkat il-bżonn ta’ kawtela f’dan ir-rigward. Il-Gvern Svediż, filfatt, ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jipposponi l-implimentazzjoni u jfittex li jerġa’ jinnegozja d-Direttiva mill-ġdid, hekk kif irrefera għal piżijiet amministrattivi eċċessivi u nuqqas ta’ flessibbiltà fil-qafas attwali.

It-talba ta’ Malta Employers timxi id f’id ma’ tħassib wiesa’ fuq livell Ewropew, inkluż kif artikolat minn BusinessEurope, li sejħet għal proċedura ta’ “Stop the Clock”. L-Assoċjazzjoni taqbel ma’ din l-organizzazzjoni pan-Ewropea, li din id-Direttiva, li minkejja li għandha l-intenzjoni tajba li tindirizza diskrepanzi mhux ġustifikati fil-pagi, tippreżenta sfidi amministrattivi u operazzjonali serji li jistgħu jimminaw l-effettività tagħha jekk tiġi implimentata b’mod prematur.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Malta Employers b’mod responsabbli ħeġġet lill-Gvern biex jippromwovi u jadotta posponiment temporanju tat-traspożizzjoni tad-Direttiva. Dan il-posponiment ikollu l-għan li (a) jistenna l-konklużjoni tat-talbiet u t-tħassib li tressqu fuq livell Ewropew u possibbilment reviżjoni tad-Direttiva, u (b) biex jingħata perjodu ta’ tħejjija adegwat lill-employers lokali b’pubblikazzjoni minn kmieni tal-abbozz tal-liġi Maltija, minn qabel sew din tidħol fis-seħħ.

“Kollox ma’ kollox dan il-posponiment jippermetti li jkun hemm ċertezza legali u qafas ta’ implimentazzjoni aktar prattiku li jħares kemm l-għanijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneru u l-effiċjenza fis-suq tax-xogħol, b’konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni attwali”, ikkonkluda Ivan Refalo. TMIEM

15 ta’ April 2026