Malta Employers Issejjaħ għal Proposti Elettorali li Jixprunaw Tkabbir Nazzjonali Sostenibbli
Il-Malta Employers torganizza l-61 Laqgħa Ġenerali Annwali
Il-President ta’ Malta Employers Ivan Refalo sejjaħ għal politika responsabbli u enfasi akbar fuq il-kompetittività ta’ pajjiżna f’sitwazzjoni ta’ inċertezza globali u pressjonijiet akbar fuq is-suq tax-xogħol. B’referenza għall-possibbiltà ta’ elezzjoni ġenerali fil-ġimgħat li ġejjin, is-Sur Refalo wissa kontra miżuri populistiċi li ma jħarsux fit-tul, u enfasizza li l-proposti politiċi għandhom ikunu affordabbli u realistiċi.
Waqt li kien qed jindirizza l-61 Laqgħa Ġenerali Annwali, is-Sur Refalo enfasizza l-importanza tal-governanza tajba, djalogu soċjali effettiv u qafas tas-suq tax-xogħol bilanċjat, b’appoġġ għar-reżiljenza ekonomika fuq tul ta’ żmien.
“Ninsabu fi żminijiet diffiċli u li qed jinbidlu malajr. L-iżviluppi globali, inkluż il-kunflitt fil-Lvant Nofsani, qed ifixklu s-supply chains u jixprunaw l-inflazzjoni, u qed iħallu impatt fuq min iħaddem b’żieda fl-ispejjeż operattivi, tnaqqis fil-profitti u obbligazzjonijiet regolatorji aktar onerużi”, sostna s-Sur Refalo. Huwa enfasizza li dawn l-isfidi jeħtieġu rispons koordinat u strateġiku.
F’dan il-kuntest, huwa ħeġġeġ lill-partiti politiċi biex jissalvagwardjaw il-kompetittività ta’ pajjiżna, speċjalment fil-kuntest tad-dibattitu politiku li jippreċedi elezzjoni ġenerali. Huwa sostna li l-wegħdiet elettorali għandhom ikunu realistiċi u affordabbli. Is-Sur Refalo tkellem ukoll dwar l-isfidi fil-qasam tas-suq tax-xogħol u l-kompetizzjoni qawwija għat-talent. Filwaqt li għaraf ir-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna, huwa qal li dan it-tkabbir qed jitfa’ pressjonijiet ġodda fuq ir-riżorsi umani. Huwa wissa li s-settur pubbliku m’għandux ikompli jixrob akar riżorsi ħlief fejn hu essenzjali, għaliex dan jista’ joħloq problemi serji fis-suq tax-xogħol. Fakkar li l-Malta Employers “ripetutament qajjmet tħassib dwar reklutaġġ mal-Gvern b’motivazzjonijiet politiċi li qed jieħu riżorsi prezzjużi minn mas-settur privat”.
F’dan il-kuntest, il-President appella biex minn sitt xhur qabel elezzjoni ġenerali, ir-reklutaġġ mis-settur pubbliku għandu jkun limitat għal mili ta’ postijiet vakanti li huma assolutament neċessarji”, b’mod li jkun hemm stabbilità u level playing field għan-negozju.
–
Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tal-governanza u l-kontabilità, u wissa li żviluppi riċenti jistgħu jimminaw il-fiduċja. “Il-governanza tajba mhix kwistjoni biss ta’ konformità legali, iżda hija kultura ta’ responsabbiltà, trasparenza, kontabilità u ġustizzja”, u żied jgħid li l-Malta Employers topponi bil-qawwi bidliet riċenti fir-rigward tal-obbligi ta’ trasparenza għall-uffiċjali pubbliċi.
Dwar ir-riformi fis-suq tax-xogħol, il-President irrefera għad-dibattitu marbut mal-ġimgħa ta’ erbat ijiem xogħol, u nnota li fil-preżent, ir-rispons mogħti mill-employers mhux favorevoli għall-introduzzjoni tagħha. “L-istħarriġ tagħna juri li maġġoranza tal-employers jemmnu li fil-preżent, ġimgħa ta’ erbat ijiem xogħol mhix ideali għal Malta”. Huwa wissa kontra miżuri imposti fuq kulħadd filwaqt li enfasizza li d-deċiżjonijiet marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jirriflettu r-realtajiet operattivi tal-kumpaniji individwali.
Is-Sur Refalo fakkar ukoll fl-importanza tad-djalogu soċjali u wissa kontra l-esklużjoni tal-employers mid-diskussjonijiet ewlenin. F’dan il-kuntest, il-President esprima t-tħassib tiegħu għal fatt li l-Malta Employers riċentement tħalliet barra minn ċertu kumitati tekniċi maħtura mill-Gvern b’rabta mal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali. Huwa qal li dan mhux konsistenti mal-prinċipji ta’ djalogu soċjali effettiv u insista li “ebda diskussjonijiet, deċiżjonijiet jew riformi marbuta mal-impjiegi, mal-ħaddiema, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew ma kwalunkwe ħaġa li taffettwa lil min iħaddem m’għandhom isiru mingħajr l-involviment dirett tagħna”.
Fl-indirizz tiegħu, id-Direttur Ġenerali Kevin J Borg iddeskriva l-aħħar sena bħala waħda ta’ tkabbir kontinwu u trasformazzjoni għall-Assoċjazzjoni, xprunata minn involviment b’saħħtu tal-membri u t-tressiq ta’policies oġġettivi. Internament, l-organizzazzjoni ffukat fuq it-tisħiħ tal-governanza, id-diġitalizzazzjoni, rebranding u titjib fil-komunikazzjoni, inkluż sit elettroniku integrat, preżenza aktar b’saħħitha fuq il-media kif ukoll fuq il-pjattaformi soċjali.
Fl-istess waqt, huwa żied jgħid li l-Assoċjazzjoni żammet livell għoli ta’ servizzi tal-membri, inkluż bosta korsijiet, attivitajiet, pubblikazzjonijiet u inizjattivi oħra, li kollha kellhom parteċipazzjoni b’saħħitha. Tnedew ukoll mekkaniżmi ġodda, fosthom l-EU Funding Helpdesk, li jgħin lin-negozji jaċċessaw opportunitajiet ta’ finanzjament, kif ukoll proġetti bħal COMPASS, li permezz tiegħu l-Assoċjazzjoni rebħet l-ewwel post fin-National Business Support Awards għat-tieni sena konsekuttiva.
L-organizzazzjoni kisbet ukoll viżibilità qawwija permezz tal-attivitajiet medjatiċi tagħha, u l-programm televiżiv tagħha MEA TV, l-SME Week National Forum, u l-konferenza dwar il-four-day week kollha saħħew ir-rwol tagħha fit-tfassil tal-politika u dibattitu pubbliku.
Waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret qabel l-AGM, il-membri approvaw ukoll serje ta’ emendi għall-istatut tal-Assoċjazzjoni li għandhom l-għan li jsaħħu l-qafas ta’ governanza tal-organizzazzjoni. Dawn il-bidliet ikomplu jallinjaw l-istrutturi u l-prattiċi tal-Assoċjazzjoni mal-impenji tagħha fil-qasam tal-ESG. Dan il-pass isaħħaħ l-enfasi li l-Malta Employers tagħti fuq it-trasparenza, il-kontabilità u r-reżiljenza organizzativa.
TMIEM
27 ta’ Marzu 2026