Malta Employers Tniedi l-Proġett TalentSync biex Isaħħaħ il-Ħiliet Futuri
Malta Employers nediet uffiċjalment TalentSync, inizjattiva li għandha l-għan li tqarreb aktar il-ħiliet tal-ħaddiema mal-bżonnijiet il-ġodda tal-industrija. Fi żmien fejn min iħaddem qed jiltaqa’ ma’ sfidi kbar biex jinstabu ħaddiema bl-għarfien neċessarju, dan il-proġett finanzjat mill-UE jfittex li jipprovdi għodda prattiċi u dejta li tapoġġja ppjanar aktar effettiv tal-forza tax-xogħol.
TalentSync se janalizza l-ħtiġijiet fejn jidħol żvilupp ta’ ħiliet fost tliet industriji u tliet pajjiżi: l-industrija tal-avjazzjoni f’Malta, dak tal-innovazzjoni fl-ikel fl-Irlanda u l-industrija tat-turiżmu fl-Olanda. Il-proġett se jkun qed juża u jirfina metodoloġija użata mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet fi proġett pilota preċedenti li ffoka fuq l-industrija marittima. TalentSync se jipproduċi rapporti speċifiċi għas-setturi differenti fejn se jidentifika x’inhuma r-rekwiżiti preżenti u futuri fejn jidħlu ħiliet. Dawn is-sejbiet se jappoġġjaw is-suq tax-xogħol permezz ta’ ppjanar aħjar tal-forza tax-xogħol, l-istrateġiji edukattivi u inizjattivi ta’ taħriġ.
Permezz ta’ żewġ żjarat ta’ studju u serje ta’ workshops online, l-employers se jkunu jistgħu jibdlu esperjenzi mal-kontropartijiet tagħhom fl-Irlanda u fl-Olanda, jitgħallmu minn strateġiji differenti fejn jidħol żvilupp tar-riżorsi umani u jesploraw metodi ġodda ta’ kif jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ ħiliet fis-setturi tagħhom.
F’diskors waqt it-tnedija, il-President ta’ Malta Employers Ivan Refalo enfasizza l-importanza tal-ippjanar fis-settur tar-riżorsi umani. “L-ekonomija tagħna kibret malajr, iżda biex insostnu dan it-tkabbir irridu niżguraw li l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet meħtieġa mill-impjiegi ta’ għada”. Huwa sostna li “Malta għandha miri ambizzjużi permezz tal-Viżjoni 2050 iżda dawn ma jistgħux jintlaħqu jekk ma jkunx hemm koordinazzjoni aħjar bejn l-industrija, l-edukazzjoni u min ifassal il-politika fejn jidħol żvilupp ta’ riżorsi umani. Dan il-proġett għandu l-għan li jgħaqqad lil kull min hu involut biex flimkien nantiċipaw u nimmaniġjaw aħjar il-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol”.
Il-Koordinatur tal-EU Helpdesk fi ħdan Malta Employers, Kurt Cortis, li qed imexxi dan il-proġett, spjega l-benefiċċji prattiċi ta’ din l-inizjattiva. “TalentSync se jipprovdi għarfien aktar ċar ta’ x’inhu meħtieġ minn setturi speċifiċi. Aktar minn hekk, fuq medda itwal ta’ żmien, se jipprovdi lil Malta Employers qafas biex jiġu studjati setturi oħra fis-snin li ġejjin. Huwa żied jgħid li dan l-għarfien jista’ jgħin lin-negozji jippjanaw ir-reklutaġġ, it-taħriġ u l-iżvilupp b’mod aktar effettiv, filwaqt li jgħin lill-ħaddiema jippreparaw għal opportunitajiet futuri.
TalentSync, li huwa finanzjat mill-programm Erasmus+, għandu l-għan li jipproduċi metodoloġija rfinata u trasferibbli li tanalizza l-bżonnijiet fejn għandhom x’jaqsmu ħiliet li jistgħu jintużaw f’setturi u pajjiżi differenti, b’appoġġ għall-iżvilupp tal-ħaddiema kif ukoll tar-reżiljenza ekonomika.
It-tnedija tal-proġett kienet indirizzata wkoll minn Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u Dr Jeffrey Pullicino-Orlando, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Ħiliet.
TMIEM
11 Marzu 2026